Marrakesh
belt fil-Marokk / From Wikipedia, the free encyclopedia
Marrakesh, xi kultant spelluta wkoll Marrakech jew Marrakexx (pronunzjati mærəˈkɛʃ/ jew məˈrækɛʃ/; bl-Għarbi: مراكش, b'ittri Rumani: murrākuš, pronunzjata: [murraːkuʃ]; bil-lingwi Berberi: ⵎⵕⵕⴰⴽⵛ, b'ittri Rumani: mṛṛakc), hija r-raba' l-ikbar belt fir-Renju tal-Marokk. Hija waħda mill-erba' bliet imperjali tal-Marokk u hija l-belt kapitali tar-reġjun ta' Marrakesh-Safi. Il-belt tinsab fil-Punent tal-għoljiet ta' qabel il-Muntanji Atlas. Marrakesh tinsab 580 km (360 mil) fil-Lbiċ ta' Tangier, 327 km (203 mil) fil-Lbiċ tal-belt kapitali tal-Marokk, Rabat, 239 km (149 mil) fin-Nofsinhar ta' Casablanca, u 246 km (153 mil) fil-Grigal ta' Agadir.
Marrakesh | ||
---|---|---|
Marokk | ||
| ||
Amministrazzjoni | ||
Constitutional monarchy | Marokk | |
Region of Morocco | Marrakesh-Safi | |
Prefecture of Morocco | Prefettura ta' Marrakesh | |
Kap tal-Gvern | Fatima Ezzahra El Mansouri (en) | |
Isem uffiċjali | مراكش | |
Ismijiet oriġinali |
Mrrakc مراكش ⵎⵕⵕⴰⴽⵛ | |
Kodiċi postali |
40000 | |
Ġeografija | ||
Koordinati | 31.62947°N 7.98108°W / 31.62947; -7.98108 | |
Superfiċjenti | 230 kilometru kwadru | |
Għoli | 468 m | |
Demografija | ||
Popolazzjoni | 966,987 abitanti (2020) | |
Informazzjoni oħra | ||
Fondazzjoni | 1065 | |
Żona tal-Ħin | Ħin tal-Punent tal-Ewropau UTC±0 | |
bliet ġemellati | Sousse, Granada, Marsilja, Clermont-Ferrand, Timbuktu, Tashkent, Ajaccio, Tours, Belt ta' New York, Mekka, Pariġi, Madrid, Odessa, Sidi Bennouru Granby | |
ville-marrakech.ma |
Ir-reġjun ilu abitat minn bdiewa Berberi miż-żminijiet Neolitiċi. Il-belt ġiet stabbilita fl-1070 mill-Emir Abu Bakr ibn Umar bħala l-belt kapitali imperjali tal-Imperu tal-Almoravidi. L-Almoravidi stabbilew l-ewwel strutturi ewlenin fil-belt u sawru l-pjanta tagħha għas-sekli ta' wara. Il-ħitan ħomor tal-belt, li nbnew minn Ali ibn Yusuf fl-1122-1123, u diversi binjiet li nbnew bil-ġebel tar-ramel ħamrani wara, wasslu biex il-belt titlaqqam bħala l-"Belt il-Ħamra" (المدينة الحمراء Almadinat alhamra') jew il-"Belt Okra" (ville ocre). Marrakesh kibret malajr u stabbiliet lilha nnifisha bħala ċentru kulturali, reliġjuż u kummerċjali għall-Magreb u għall-Afrika sub-Saħarjana. Jemaa el-Fnaa hija l-iktar pjazza b'attività kummerċjali u soċjali fl-Afrika.
Wara perjodu ta' deklin, Fez ħaditilha postha, u fil-bidu tas-seklu 16, Marrakesh reġgħet saret il-belt kapitali tar-renju. Il-belt reġgħet kisbet il-prominenza li kellha taħt is-sultani sinjuri Saadjani Abdallah al-Ghalib u Ahmad al-Mansur, li sebbħu l-belt b'palazzi lussużi bħall-Palazz ta' El Badi (1578) u rrestawraw bosta monumenti rvinati. Mill-bidu tas-seklu 17, il-belt saret popolari fost il-pellegrini Sufisti minħabba l-ħdax-il qaddis patrun midfuna hemmhekk. Fl-1912 il-Protettorat Franċiż fil-Marokk ġie stabbilit u T'hami El Glaoui sar il-Paxà ta' Marrakesh u baqa' f'din il-kariga kważi matul il-protettorat kollu sa ma r-rwol tiegħu tneħħa bl-indipendenza tal-Marokk u l-istabbiliment mill-ġdid tal-monarkija fl-1956.
Marrakesh tinkludi ċentru storiku ffortifikat iffullat bil-bejjiegħa u l-gabbani u l-bankarelli tagħhom. Il-medina tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Illum il-ġurnata hija waħda mill-iżjed bliet b'attività kummerċjali fl-Afrika u hija ċentru ekonomiku u destinazzjoni turistika ewlenija. L-iżvilupp tal-proprjetà u tal-lukandi f'Marrakesh żdied b'mod drammatiku fis-seklu 21. Marrakesh hija partikolarment popolari mal-Franċiżi, u bosta ċelebritajiet Franċiżi huma sidien ta' xi proprjetà fil-belt. Marrakesh għandha l-ikbar suq (souk) tradizzjonali fil-Marokk, b'madwar 18-il souk fi ħdanu jbigħu merkanzija li tvarja minn twapet Berberi tradizzjonali għal apparati elettroniċi moderni. L-artiġjanat jipprovdi perċentwal kbir tal-impjiegi għall-popolazzjoni, li primarjament ibigħu l-prodotti tagħhom lit-turisti.
Marrakesh hija moqdija mill-Ajruport Internazzjonali ta' Ménara u mill-istazzjon ferrovjarju ta' Marrakesh li jikkollega l-belt ma' Casablanca u t-Tramuntana tal-Marokk. Marrakesh għandha diversi universitajiet u skejjel, inkluż l-Università ta' Cadi Ayyad. Għadd ta' klabbs tal-futbol Marokkini huma stabbiliti hemmhekk, fosthom Najm de Marrakech, KAC Marrakech, Mouloudia de Marrakech u Chez Ali Club de Marrakech. Iċ-Ċirkwit tat-Toroq ta' Marrakesh jospita l-Kampjonat Dinji tal-Karozzi Sportivi, l-Auto GP u t-tlielaq tal-Kampjonat tal-Formula 2 tal-FIA.