Ġerusalemm
belt fil-Punent tal-Asja, li kemm Iżrael kif ukoll il-Palestina jsostnu li hija l-belt kapitali tagħhom / From Wikipedia, the free encyclopedia
Ġerusalemm (/dʒəˈruːsələm/; bl-Ebrajk: יְרוּשָׁלַיִם Yerushaláyim; bl-Għarbi: القُدس Al‑Quds) hija belt fil-Punent tal-Asja. Tinsab fuq promontorju fil-muntanji ta' Ġudea bejn il-Mediterran u l-Baħar Mejjet, u hija waħda mill-eqdem bliet fid-dinja. Titqies bħala belt imqaddsa għat-tliet reliġjonijiet Abramiċi ewlenin: il-Ġudaiżmu, il-Kristjaneżmu u l-Iżlam. Kemm Iżrael kif ukoll il-Palestina jsostnu li Ġerusalemm hi l-belt kapitali tagħhom peress li Iżrael għandha l-istituzzjonijiet governattivi primarji hemmhekk u l-Palestina finalment tipprevediha bħala s-sede tal-poter tagħha. Minħabba dan it-tilwim, ma hemm l-ebda rikonoxximent internazzjonali wiesa' li jxaqleb lejn naħa jew oħra.
Ġerusalemm | |
---|---|
Iżrael | |
Amministrazzjoni | |
Stat sovran | Iżrael |
Districts of Israel | Distrett ta' Ġerusalemm |
Kap tal-Gvern | Moshe Lion (en) |
Isem uffiċjali |
ירושלים القدس أورشليم |
Ismijiet oriġinali |
ירושלים القدس |
Kodiċi postali |
91000–91999 |
Ġeografija | |
Koordinati | 31.7789°N 35.2256°E / 31.7789; 35.2256 |
Superfiċjenti | 125.42 kilometru kwadru |
Għoli | 754 m |
Fruntieri ma' | Ramat Rachel (en) , Mevaseret Zion (en) , Beit Zayit (en) , Hizma (en) , Al-Ram (en) , Ramallah, Even Sapir (en) , Beit Yala (en) , Abu Dis (en) , Ora (en) u Betlem |
Demografija | |
Popolazzjoni | 936,425 abitanti (2019) |
Informazzjoni oħra | |
Fondazzjoni | 4 millennium "BCE" |
Kodiċi tat-telefon |
2 |
Żona tal-Ħin | UTC+2 |
bliet ġemellati | Belt ta' New York, Ayabe, Praga, Rio de Janeiro, Cusco, Fes, Bratislava, Kievu Tbilisi |
jerusalem.muni.il |
Matul l-istorja twila tagħha, Ġerusalemm inqerdet mill-inqas darbtejn, ġiet assedjata 23 darba, inħatfet u nħatfet mill-ġdid 44 darba, u ġiet attakkata 52 darba.[1] Il-parti ta' Ġerusalemm imsejħa l-Belt ta' David kellha l-ewwel sinjali ta' insedjament fir-raba' millenju Q.K., fl-għamla ta' kampijiet ta' rgħajja nomadiċi.[2] Matul il-perjodu tal-Kananiti (is-seklu 14 Q.K.), Ġerusalemm ġiet imsejħa Urusalim fuq it-tavli Eġizzjani tal-qedem, li x'aktarx kienet tfisser il-"Belt ta' Shalem" b'dedika għal divinità Kananita. Matul il-perjodu tal-Iżraeliti, fis-seklu 9 Q.K. (Żmien il-Ħadid II) bdiet attività sinifikanti ta' kostruzzjoni f'Ġerusalemm, u sas-seklu 8 Q.K., il-belt kienet żviluppat f'ċentru reliġjuż u amministrattiv tar-Renju ta' Ġuda.[3] Fl-1538, is-swar tal-belt inbnew mill-ġdid għall-aħħar darba madwar il-belt ta' Ġerusalemm taħt Suleiman il-Manjifiku tal-Imperu Ottoman. Illum il-ġurnata dawk is-swar jiddefinixxu ċ-ċentru storiku tal-belt, li tradizzjonalment ġiet maqsuma f'erba' kwartieri – magħrufa mill-bidu tas-seklu 19 bħala l-kwartieri Armeni, Kristjani, Lhud u Musulmani.[4] Iċ-ċentru storiku u s-swar saru Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981[5], u attwalment tinsab fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-periklu. Mill-1860, Ġerusalemm kibret ferm lil hinn mill-konfini taċ-ċentru storiku. Fl-2022, Ġerusalemm kellha popolazzjoni ta' madwar 971,800 resident, li minnhom kważi 60 % kienu Lhud u kważi 40 % kienu Palestinjani.[6] Fl-2020, il-popolazzjoni kienet ta' 951,100 resident, li minnhom 570,100 ruħ kienu Lhud (59.9 %), 353,800 ruħ kienu Musulmani (37.2 %), 16,300 ruħ kienu Kristjani (1.7 %), u 10,800 ruħ ma kinux ikklassifikati (1.1 %).[7]
Skont il-Bibbja bl-Ebrajk, ir-Re David ħakem il-belt mill-Ġebużiti u stabbiliha bħala l-belt kapitali tar-Renju Unit ta' Iżrael, u ibnu, ir-Re Salamun, ikkummissjona l-bini tal-Ewwel Tempju. L-istudjużi moderni jargumentaw li l-Lhud tnisslu minn fergħa tal-popli u tal-kulturi Kananiti permezz tal-iżvilupp ta' reliġjon monolatrija — u iktar 'il quddiem monoteistika — distinta ċċentrata fuq El/Yahweh.[8][9] Dawn l-avvenimenti tal-istabbiliment tal-belt, lejn il-bidu tal-ewwel millenju Q.K., kellhom importanza simbolika ċentrali għall-poplu Lhudi.[10][11][12][13][14] Il-laqam tal-belt imqaddsa (bl-Ebrajk: עיר הקודש, b'ittri Rumani: 'Ir ha-Qodesh) x'aktarx li ngħata lil Ġerusalemm fiż-żminijiet ta' wara l-eżilju.[15][16][17] Il-qdusija ta' Ġerusalemm fil-Kristjaneżmu, ikkonservata fit-traduzzjoni bil-Grieg tal-Bibbja bl-Ebrajk[18], li l-Kristjani adottaw bħala t-"Testment il-Ġdid" tagħhom stess, ġiet imsaħħa permezz tal-ġrajja tat-Testment il-Ġdid[19] li tirrakkonta li Ġesù ssallab u rxoxta hemmhekk. Fl-Iżlam Sunni, Ġerusalemm hija t-tielet l-iktar belt imqaddsa, wara Mekka u Medina.[20][21][22][23] Il-belt kienet l-ewwel qibla, id-direzzjoni standard għat-talb tal-Musulmani (salah)[24], u skont it-tradizzjoni Iżlamika, Muħammed għamel il-Vjaġġ ta' Billejl tiegħu hemmhekk fis-621, u skont il-Koran tela' l-ġenna fejn tkellem ma' Alla.[25][26] Minħabba f'hekk, minkejja li għandha erja ta' 0.9 km2 (3⁄8 ta' mil kwadru) biss[27], fiċ-ċentru storiku tal-belt hemm bosta siti ta' importanza reliġjuża fundamentali, fosthom l-Għolja tat-Tempju, il-Ħajt tal-Punent, il-Koppla tal-Blat, il-Moskea ta' al-Aqsa, u l-Knisja tas-Sepolkru Mqaddes.
Illum il-ġurnata, l-istatus ta' Ġerusalemm għadu wieħed mill-kwistjonijiet ewlenin fil-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina. Matul il-Gwerra bejn l-Għarab u Iżrael fl-1948, il-Punent ta' Ġerusalemm kien fost iż-żoni li nħatfu u iktar 'il quddiem ġew annessi ma' Iżrael, filwaqt li l-Lvant ta' Ġerusalemm, inkluż iċ-ċentru storiku tal-belt, inħatfet u iktar 'il quddiem ġiet annessa mal-Ġordan. Iżrael ħatfet il-Lvant ta' Ġerusalemm mill-Ġordan matul il-Gwerra ta' Sitt Ijiem tal-1967 u sussegwentement irnexxielha tannettiha f'Ġerusalemm, flimkien mat-territorju addizzjonali tal-madwar. Waħda mil-Liġijiet Bażiċi ta' Iżrael, il-Liġi ta' Ġerusalemm tal-1980, tirreferi għal Ġerusalemm bħala l-belt kapitali mhux maqsuma tal-pajjiż. Il-fergħat kollha tal-gvern ta' Iżrael jinsabu f'Ġerusalemm, inkluż il-Knesset (il-Parlament ta' Iżrael), ir-residenzi tal-Prim Ministru (Beit Aghion) u l-President (Beit HaNassi), u l-Qorti Suprema. Il-komunità internazzjonali tirrifjuta l-annessjoni u tqisha bħala illegali, filwaqt li tittratta l-Lvant ta' Ġerusalemm bħala territorju Palestinjan okkupat minn Iżrael.[28][29][30][31]