Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fl-Ukrajna
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Ukrajna / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] L-Ukrajna adottat il-Konvenzjoni tal-UNESCO uffiċjalment u saret membru indipendenti fit-12 ta' Ottubru 1988[3], filwaqt li uffiċjalment kienet għadha Repubblika tal-Unjoni Sovjetika (qabel xoljiet fl-1991).[4]
Attwalment, hemm seba' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Ukrajna; sitta minnhom huma siti kulturali u sit wieħed, il-Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa, huwa sit naturali. L-ewwel sit li tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji kien dak tal-Katidral ta' Santa Sofija (Kiev) u l-Binjiet Monastiċi Relatati fl-1990. L-iżjed siti li tniżżlu reċentement kienu t-Tserkva tal-Injam tal-Karpazji fil-Polonja u fl-Ukrajna u tal-Belt Antika ta' Chersonesus Tawrika fl-2013. Tliet siti huma transnazzjonali: it-Tserkva tal-Injam huma kondiviżi mal-Polonja, l-Ark Ġeodetiku ta' Struve huwa kondiviż ma' disa' pajjiżi, u l-Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa huma kondiviżi ma' 17-il pajjiż.