Lingwa Ġermaniża
lingwa Ġermanika tal-Punent mitkellma l-iktar fl-Ewropa Ċentrali / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-lingwa Ġermaniża, jew sempliċement il-Ġermaniż (bil-Ġermaniż: Deutsch [dɔʏtʃ]), hija lingwa Ġermanika tal-Punent li tiġi mitkellma l-iktar fl-Ewropa Ċentrali. Tiġi mitkellma l-iktar u hija lingwa uffiċjali jew kouffiċjali fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fl-Iżvizzera, fil-Liechtenstein u fil-provinċja Taljana ta' Trentino Alto Adige. Hija wkoll lingwa kouffiċjali tal-Lussemburgu u tal-Belġju, u hija lingwa nazzjonali rikonoxxuta fin-Namibja. 'Il barra mill-Ġermanja, il-lingwa tiġi mitkellma minn komunitajiet Ġermaniżi fi Franza (Bas-Rhin), fir-Repubblika Ċeka (it-Tramuntana tal-Boemja), fil-Polonja (Silesja ta' Fuq), fis-Slovakkja (ir-reġjun ta' Bratislava) u fl-Ungerija (Sopron).
Il-Ġermaniż huwa simili l-iktar għal lingwi oħra fi ħdan il-fergħa tal-lingwi Ġermaniċi tal-Punent, fosthom l-Afrikaans, l-Olandiż, l-Ingliż, il-lingwi Frisjani, il-Ġermaniż t'Isfel, il-Lussemburgiż, l-Iskoċċiż u l-Yiddish. Huwa simili wkoll bħala vokabularju għal xi lingwi fil-fergħa tal-lingwi Ġermaniċi tat-Tramuntana, fosthom id-Daniż, in-Norveġiż u l-Iżvediż. Il-Ġermaniż huwa t-tieni l-iktar lingwa Ġermanika mitkellma wara l-Ingliż, li huwa wkoll lingwa Ġermanika tal-Punent.
Il-lingwa Ġermaniża hija waħda mil-lingwi ewlenin fid-dinja. Hija l-iżjed lingwa nattiva mitkellma fi ħdan l-Unjoni Ewropea.[1] Il-Ġermaniż jiġi mgħallem b'mod mifrux bħala lingwa barranija, speċjalment fl-Ewropa kontinentali, fejn hija t-tielet l-iktar lingwa barranija mgħallma (wara l-Ingliż u l-Franċiż), u fl-Istati Uniti. Il-lingwa kienet influwenti fl-oqsma tal-filosofija, tat-teoloġija, tax-xjenza u tat-teknoloġija. Hija t-tieni l-iktar lingwi li jintużaw fix-xjenza u hija fost l-iktar lingwi li jintużaw fis-siti web. Il-pajjiżi fejn jiġi mitkellem il-Ġermaniż huma kklassifikati l-ħames f'termini ta' pubblikazzjoni annwali ta' kotba ġodda, b'għaxra fil-mija tal-kotba kollha (inkluż il-kotba elettroniċi) fid-dinja li jiġu ppubblikati bil-Ġermaniż.
Il-lingwa Ġermaniża hija lingwa inflessa, b'erba' każijiet għan-nomi, għall-pronomi u għall-aġġettivi (in-nominattiv, l-akkużattiv, il-ġenittiv u d-dativ); bi tliet ġeneri (il-maskil, il-femminil u n-newtru); u għadd doppju (is-singular u l-plural). Għandha verbi b'saħħithom jew regolari u dgħajfin jew irregolari. Il-maġġoranza tal-vokabularju tal-lingwa oriġina mill-fergħa Ġermanika antika tal-familja tal-lingwi Indo-Ewropej, filwaqt li sehem iżgħar oriġina mil-Latin u mill-Grieg, flimkien ma' ftit kliem ieħor li ġie misluf mill-Franċiż u mill-Ingliż Modern.
Il-Ġermaniż huwa lingwa pluriċentrika; it-tliet varjanti standardizzati huma l-Ġermaniż, l-Awstrijakk u l-Ġermaniż Għoli Standard Żvizzeru. Huwa notevoli wkoll għall-firxa wiesgħa ta' djaletti tiegħu, b'bosta varjetajiet li jeżistu fl-Ewropa u f'partijiet oħra tad-dinja. Uħud minn dawn il-varjetajiet mhux standard saru rikonoxxuti u protetti mill-gvernijiet reġjonali jew nazzjonali.
Mill-2004, kull sena saru jiġu organizzati laqgħat tal-pajjiżi fejn jiġi mitkellem il-Ġermaniż, fejn jieħdu sehem sitt parteċipanti: il-Ġermanja, l-Awstrija, il-Belġju, il-Liechtenstein, il-Lussemburgu u l-Iżvizzera.[2]