Hedeby
sit arkeoloġiku ta' raħal iffortifikat tal-Vikingi fin-Nofsinhar tar-raħal modern ta' Schleswig, il-Ġermanja. / From Wikipedia, the free encyclopedia
Hedeby (pronunzja bid-Daniż: [ˈhe̝ːðəˌpyˀ]; bin-Normann Antik: Heiðabýr; bil-Ġermaniż: Haithabu) kien insedjament kummerċjali importanti ta' żmien il-Vikingi fid-Danimarka mis-sekli 8 sa 11, li jinsab fit-tarf tan-Nofsinhar tal-Peniżola ta' Jutland, li llum il-ġurnata tagħmel parti mid-distrett ta' Schleswig-Flensburg tal-istat federali ta' Schleswig-Holstein, il-Ġermanja. Huwa l-iżjed sit arkeoloġiku importanti f'Schleswig-Holstein. Għall-ħabta tad-965, il-kronista Abraham ben Jacob żar Hedeby u ddeskrivih bħala "belt kbira ħafna fit-tarf nett tal-oċean dinji".[1]
L-insedjament żviluppa bħala ċentru kummerċjali fil-ponta ta' qala navigabbli dejqa magħrufa bħala x-Schlei, li tikkollega mal-Baħar Baltiku. Il-pożizzjoni kienet favorevoli minħabba d-distanza qasira ta' inqas minn 15-il kilometru sax-xmara Treene, li tnixxi fix-xmara Eider u l-estwarju tagħha tal-Baħar tat-Tramuntana. B'hekk kien post konvenjenti għall-ħatt tal-merkanzija u tal-bastimenti. Il-bastimenti stess setgħu jittellgħu l-art biċ-ċimi biex b'hekk setgħu jagħmlu vjaġġ bil-bil-baħar kważi bla interruzzjonijiet bejn il-Baħar Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana. B'dan il-mod kienu jevitaw li jkollhom għalfejn ibaħħru mad-dawra kollha tal-Peniżola ta' Jutland li kien vjaġġ tassew perikoluż u li jieħu ħafna iktar ħin. B'hekk Hedeby kellu rwol simili għal dak li iktar 'il quddiem kellha Lübeck. Hedeby kien it-tieni l-ikbar raħal Nordiku matul żmien il-Vikingi, wara Uppåkra li llum il-ġurnata tinsab fin-Nofsinhar tal-Iżvezja. Il-belt ta' Schleswig iktar 'il quddiem ġiet stabbilita fuq in-naħa l-oħra tax-Schlei. Hedeby ġie abbandunat wara l-qerda tiegħu fl-1066.[2]
Hedeby ġie skopert mill-ġdid lejn l-aħħar tas-seklu 19 u l-iskavi bdew fl-1900. Il-Mużew ta' Hedeby infetaħ maġenb is-sit fl-1985. Minħabba l-importanza storika tiegħu fi żmien il-Vikingi u l-istat eċċezzjonali ta' preservazzjoni tiegħu, Hedeby u l-ħitan difensivi tal-brikks u tat-tajn fil-qrib ta' Danevirke ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2018.[3]
Hedeby jissemma fil-ħrafa ta' Hans Christian Andersen "The Marsh King's Daughter".