Teatru Rjal
eks teatru ewlieni fil-Belt Valletta, Malta / From Wikipedia, the free encyclopedia
It-Teatru Rjal (bl-Ingliż: Royal Opera House jew Royal Theatre; bit-Taljan: Teatro Reale, magħruf kollokjalment ukoll bħala t-Teatru Mwaqqa’, kien teatru fejn jittellgħu l-ispettakli fil-Belt Valletta, Malta. Kien iddisinjat mill-arkitett Ingliż Edward Middleton Barry u nbena fl-1866 bi stil Neo-Klassiku. Fl-1873 it-teatru ġarrab ħsarat estensivi fuq ġewwa minħabba li nħakem min-nirien iżda eventwalment ġie rrestawrat sal-1877. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, it-teatru ntlaqat direttament mill-bumbardamenti mill-ajru, eżattament fl-1942. Qabel ma ġġarraf, kien wieħed mill-iktar binjiet sbieħ u ikoniċi fil-belt kapitali.[1] Wara diversi pjanijiet li qatt ma twettqu biex it-teatru jerġa’ jinbena, il-fdalijiet tiegħu ġew disinjati mill-ġdid mill-arkitett Taljan Renzo Piano u fl-2013 reġa’ beda jiffunzjona bħala post fejn jittellgħu l-ispettakli u ġie msemmi “Pjazza Teatru Rjal”.[2]