Quseir Amra
kastell tad-deżert fil-Ġordan / From Wikipedia, the free encyclopedia
Quseir Amra jew Qusayr 'Amra, litteralment "qasr (kastell/palazz) żgħir ta' 'Amra", xi kultant spellut ukoll Qasr Amra (bl-Għarbi: قصر عمرة / ALA-LC: Qaṣr ‘Amrah) huwa l-iżjed wieħed magħruf fost il-kastelli tad-deżert li llum il-ġurnata jinsabu fil-Lvant tal-Ġordan. Inbena f'xi żmien bejn is-723 u s-743 minn Walid Ibn Yazid, il-kaliff futur tal-Umajjad Walid II[1], li d-dominanza tiegħu tar-reġjun kienet qed tikber ġmielha dak iż-żmien. Jitqies bħala wieħed mill-iżjed eżempji importanti tal-arti u tal-arkitettura Iżlamika bikrija.
Il-binja effettivament hija fdal ta' kumpless ikbar li kien jinkludi kastell reali, maħsub bħala rtir irjali, mingħajr l-ebda funzjoni militari, li għad fadal biss xi fdalijiet tal-pedamenti tiegħu. Dak li fadal illum huwa biss biex ngħidu hekk bini żgħir tal-villeġġatura. Huwa notevoli l-iktar għall-affreski li għad fadal ġo fih, l-iktar fuq is-soqfa, li fost l-oħrajn juru grupp ta' mexxejja, xeni tal-kaċċa, xeni taż-żfin b'nisa għerwenin, artiġjani jaħdmu, iċ-"ċiklu ta' Ġona" skopert dan l-aħħar, u fuq kompartiment bil-banjijiet, l-ewwel rappreżentazzjoni magħrufa tas-smewwiet fuq superfiċe emisferika, fejn l-immaġni riflessa tal-kostellazzjonijiet hija akkumpanjata mill-figuri taż-żodjaku. Dan wassal biex Quseir Amra jiżdied fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2][3][4][5] Il-kompartiment bil-banjijiet huwa wkoll, flimkien ma' eżempji oħra f'kastelli tad-deżert oħra fil-Ġordan, wieħed mill-eqdem fdalijiet eżistenti ta' hammam fid-dinja Musulmana storika.[6][7][8]
Dak l-istatus, u l-pożizzjoni tiegħu tul l-awtostrada ewlenija tal-Ġordan mil-Lvant għall-Punent, relattivament qrib tal-belt kapitali Amman, għamluh destinazzjoni turistika popolari.