Pandemija tal-COVID-19
l-imxija tal-COVID-19 li bdiet fl-2019 / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-pandemija tal-COVID-19 hija pandemija dinjija attwali kkawżata mill-virus SARS-CoV-2. L-imxija faqqgħet fil-belt ta' Wuhan, fiċ-Ċina, f'Diċembru 2019. Sad-9 ta' Mejju 2020, 'il fuq minn 3.96 miljun każ ta' COVID-19 ġie rappurtat f'187 pajjiż u territorju, u rriżulta f'aktar minn 275,000 imwiet. Iktar minn 1.33 miljun ruħ irkupraw.[1] L-ewwel każijiet f'Malta ġew irrappurtati fis-7 ta' Marzu 2020.[2] L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat l-imxija bħala pandemija fil-11 ta' Marzu 2020.[3]
Dan l-artiklu jew sezzjoni għandu bżonn jiġi aġġornat. Partijiet minn dan l-artiklu huma obsoleti jew jiddiskutu avvenimenti li issa huma fil-passat. Immodifika dan l-artiklu sabiex ittejbu. |
Il-virus huwa trażmess bejn nies f'kuntatt mill-qrib, ġeneralment minn qtar żgħar meta wieħed jisgħol, jagħtas jew jitkellem.[4][5] In-nies jistgħu jiġu infettati wkoll billi jmissu ma' wċuħ ikkontaminati u wara jmissu wiċċhom. Is-sintomi komuni jinkludu deni, sogħla, għeja, nuqqas ta' nifs u telf tas-sens tax-xamm.[4] Iż-żmien mill-esponiment sal-ewwel sinjali tas-sintomi huma tipikament ħamest ijiem, però jistgħu jkunu bejn jumejn u erbatax-il ġurnata.[6]
Il-pandemija kkawżat bosta diżordnijiet soċjoekonomiċi globali kbar, fosthom l-ikbar riċessjoni mid-Dipressjoni l-Kbira.[7] Din wasslet għat-tħassir ta' avvenimenti sportivi, reliġjużi, politiċi u kulturali,[8] u skejjel u universitajiet għalqu fuq bażi nazzjonali jew lokali f'194 pajjiż.[9]