Maja
From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Maja kien poplu Indjan-Amerikan li żviluppa ċiviltà meraviljuża fl-Amerika Ċentrali u fin-nofsinhar tal-Messiku. Iċ-ċiviltà tal-Maja laħqet l-aqwa tagħha madwar is-sena 250 W.K. u kompliet tiżviluppa għal aktar minnn 600 sena. Il-Maja pproduċew arkitettura, pittura, xogħol tal-fuħħar u skultura mill-aqwa. Għamlu avvanzi tal-għaġeb fl-astronomija u fil-matematika u żviluppaw kalendarju annwali preċiż. Kien fost l-ewwel popli fl-Emisfera tal-Punent b'forma ta' kitba avvanzata.
Il-Maja kienu jgħixu f'territorju ta' madwar 311,000 kilometru kwadru. Illum dan it-territorju huwa maqsum bejn il-Messiku u pajjiżi oħra tal-Amerika Ċentrali. Huwa magħmul mill-istati Messikani ta' Campeche, Yucatán u Quintana Roo u parti mill-istati ta' Tabasco u Chiapas. Jinkludi ukoll Beliże, il-parti l-kbira tal-Gwatemala u parti minn El Salvador u mill-Ħonduras. Il-qalba taċ-ċiviltà tal-Maja kienet fil-foresta tropikali fl-artijiet il-baxxi tat-Tramuntana tal-Gwatemala. Ħafna mill-ibliet il-kbar tal-Maja, bħal Piedras Negras, Tikal u Uaxactún żviluppaw f'dan ir-reġjun. Sa madwar is-sena 900 W.K., iċ-ċiviltà tal-Maja nbidlet f'ħafna modi. Eżempju, in-nies ta' l-artijiet il-baxxi tan-Nofsinhar abbandunaw l-ibliet u fl-aħħar mill-aħħar ir-reġjun kollu. L-istudjużi għadhom qegħdin ifittxu għaliex is-soċjetà tal-Maja waqgħet. Huma jeżaminaw il-kitbiet li fadal u jfittxu għal xi ħjiel fost il-fdalijiet tal-ibliet tal-Maja. Bidliet kbar seħħew ukoll fit-Tramuntana ta' l-artijiet il-baxxi iżda l-Maja komplew jgħixu hawnhekk. Illum id-dixxendenti tal-Maja jgħixu fil-Messiku u fl-Amerika Ċentrali. Dawn in-nies jitkellmu l-ilsna tal-Maja u baqgħu jżommu xi drawwiet reliġjużi tal-antenati tagħhom.