Machu Picchu
ċittadella tal-Inka tas-seklu 16 fl-Andes tal-Perù / From Wikipedia, the free encyclopedia
Machu Picchu hija ċittadella tas-seklu 15 tal-Imperu tal-Inka, li tinsab fil-Cordillera tal-Lvant fin-Nofsinhar tal-Perù, fuq art muntanjuża ta' 2,430 metru. Iċ-ċittadella tinsab fid-Distrett ta' Machupicchu fi ħdan il-Provinċja ta' Urubamba iktar 'il fuq mill-Wied Sagru tal-Inka, li qiegħed xi 80 kilometru fil-Majjistral ta' Cusco. Ix-xmara Urubamba tgħaddi mill-Cordillera ta' madwarha u toħloq kanjon bi klima muntanjuża tropikali.[1]
Il-maġġoranza tal-kelliema bl-Ingliż jew bl-Ispanjol ma jlissnux l-ewwel "c" fil-kelma Picchu. Bl-Ingliż, isem iċ-ċittadella jiġi ppronunzjat /ˌmɑːtʃuː piːtʃuː/[2] jew /ˌmɑːtʃuː piːktʃuː/[3], bl-Ispanjol [ˈmatʃu ˈpitʃu] jew [ˈmatʃu ˈpiktʃu], u bil-Quechua [ˈmatʃʊ ˈpɪktʃʊ].[4]
Il-biċċa l-kbira tal-arkeologi jemmnu li Machu Picchu nbniet bħala ċittadella għall-imperatur tal-Inka Pachacuti (1438–1472). Spiss issir referenza żbaljata għaliha bħala l-"Belt Mitlufa tal-Inka" għalkemm hija l-iktar post ikoniku familjari taċ-ċivilizzazzjoni tal-Inka. L-Inka bnew iċ-ċittadella lejn l-1450 iżda abbandunawha xi seklu wara minħabba l-konkwista Spanjola. Minkejja li fuq livell lokali kulħadd kien jaf biha, l-Ispanjoli fil-perjodu kolonjali qatt ma kienu semgħu biċ-ċittadella tal-Inka u għalhekk ħadd iktar fid-dinja ma kien jaf biha sal-wasla tal-istoriku Amerikan Hiram Bingham li ġibed l-attenzjoni internazzjonali lejha fl-1911.
Machu Picchu nbniet bl-istil klassiku tal-Inka, b'ħitan tal-ġebel illostrat mingħajr tikħil. It-tliet strutturi ewlenin tagħha huma l-Intihuatana, it-Tempju tax-Xemx, u l-Kamra bi Tliet Twieqi. Il-biċċa l-kbira tal-binjiet l-oħra ġew rikostruwiti sabiex it-turisti li jżur iċ-ċittadella jkollhom idea aħjar tad-dehra oriġinali taċ-ċittadella fl-antik. Sal-1976, 30 % tar-restawr ta' Machu Picchu kien tlesta[5] u x-xogħlijiet tar-restawr baqgħu jsiru tul is-snin b'mod kontinwu.[6]
Machu Picchu ġiet iddikjarata Santwarju Storiku tal-Perù fl-1981 kif ukoll Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[7] Fl-2007, Machu Picchu ġiet ivvutata bħala wieħed mis-Seba' Għeġubijiet Ġodda tad-Dinja fi stħarriġ kbir li kien sar fuq l-internet.[8]