Belt Projbita
palazz imperjali f'Beijing, iċ-Ċina / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Belt Projbita (biċ-Ċiniż: 紫禁城; bil-Pinyin: Zǐjìnchéng; bl-Ingliż: Forbidden City) hija kumpless ta' palazz fid-Distrett ta' Dongcheng, f'Beijing, iċ-Ċina, fiċ-ċentru tal-Belt Imperjali ta' Beijing. Hija mdawra b'bosta ġonna u tempji imperjali lussużi, fosthom it-22 ettaru (54 akru) tal-Park ta' Zhongshan, it-Tempju Imperjali tal-Antenati għas-sagrifiċċji, id-69 ettaru (171 akru) tal-Park ta' Beihai, u t-23 ettaru (57 akru) tal-Park ta' Jingshan.[1]
Il-Belt Projbita nbniet mill-1406 sal-1420, u kienet l-eks palazz imperjali Ċiniż u r-residenza tax-xitwa tal-Imperatur taċ-Ċina mid-dinastija Ming (minn żmien l-Imperatur Yongle) sa tmiem id-dinastija Qing, bejn l-1420 u l-1924. Il-Belt Projbita ntużat bħala r-residenza tal-imperaturi Ċiniżi u tal-familji tagħhom u kienet iċ-ċentru ċerimonjali u politiku tal-gvern Ċiniż għal iktar minn 500 sena. Mill-1925, il-Belt Projbita ġiet ġestita mill-Mużew tal-Palazz li fih kollezzjoni estensiva ta' opri tal-arti u artefatti, flimkien mal-kollezzjonijiet imperjali tad-dinastiji Ming u Qing. Il-Belt Projbita ġiet iddikjarata Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[2]
Il-kumpless jikkonsisti minn 980 binja[3], b'saħansitra 8,886 kamra, u jkopri 720,000 m2 (72 ettaru/178 akru).[4][5] Il-palazz joħroġ fid-dieher il-lussu tar-residenzi tal-imperaturi Ċiniżi u l-arkitettura tradizzjonali tal-palazzi Ċiniżi. Barra minn hekk, influwenza l-iżviluppi kulturali u arkitettoniċi fil-Lvant tal-Asja u f'inħawi oħra. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala l-ikbar kollezzjoni fid-dinja ta' strutturi antiki tal-injam li ġew ippreservati. Mill-2012, il-Belt Projbita laqgħet medja ta' 14-il miljun viżitatur kull sena, u fl-2019 laqgħet saħansitra iktar minn 19-il miljun ruħ.[6] Fl-2018, il-valur tas-suq tal-Belt Projbita ġie stmat li kien jammonta għal 70 biljun dollaru Amerikan, u b'hekk hija l-iżjed palazz li jiswa flus fid-dinja u l-iżjed proprjetà immobbli li tiswa flus fid-dinja kollha.[7]
Xi sorsi jiddeskrivuha bħala l-ikbar palazz li għadu jeżisti fid-dinja[8][9][10], iżda hemm residenzi imperjali Ċiniżi oħra li huma ferm ikbar, fosthom Zhongnanhai b'6.1 km2 (610 ettari) li jinsab fil-Punent tal-Belt Projbita, il-Palazz tas-Sajf fid-Distrett ta' Haidian, Beijing bi 2.9 km2 (290 ettaru), u r-Residenza fil-Muntanji ta' Chengde fil-Provinċja ta' Hebei b'5.6 km2 (560 ettaru).[11]
Il-Belt Projbita f'Beijing hija waħda mill-ikbar strutturi antiki tal-injam fid-dinja u waħda mill-iktar ippreservati tajjeb. Ġiet elenkata fl-ewwel lott ta' relikwi kulturali nazzjonali ewlenin fl-1961.[2]