Stazzjon ta' Chhatrapati Shivaji
stazzjon u Sit ta' Wirt Dinji f'Mumbai, l-Indja / From Wikipedia, the free encyclopedia
L-Istazzjon ta' Chhatrapati Shivaji (uffiċjalment l-Istazzjon ta' Chhatrapati Shivaji Maharaj, u preċedentement imsemmi l-Istazzjon ta' Vittorja, bil-kodiċi tal-istazzjon ta' Mumbai: CSTM (il-linja prinċipali)/ST (il-linja suburbana))[1] huwa stazzjon ferrovjarju storiku u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Mumbai, Maharashtra, l-Indja.[2]
L-istazzjon ġie ddisinjat minn inġinier arkitettoniku Brittaniku, Frederick William Stevens, minn disinn inizjali ta' Axel Haig, bi stil Gotiku Taljan eżuberanti. Il-kostruzzjoni tiegħu bdiet fl-1878, f'post fin-Nofsinhar tal-istazzjon antik ta' Bori Bunder, u tlesta fl-1887, is-sena li kienet timmarka l-50 sena ta' tmexxija tar-Reġina Vittorja.[3]
F'Marzu 1996, isem l-istazzjon inbidel minn Stazzjon ta' Vittorja għal Stazzjon ta' Chhatrapati Shivaji (bil-kodiċi tal-istazzjon CST) f'ġieħ Shivaji, ir-re ġellied tas-seklu 17 li uża tattiki ta' gwerrilja kontra l-Imperu Mugal u stabbilixxa stat ġdid fir-reġjuni tal-Punent tal-Promontorju ta' Dekka li jitkellmu bil-Marathi.[4][5][6]
Isem Shivaji spiss jiġi preċedut b'"Chhatrapati", titlu li litteralment ifisser "re onorat bl-emblema ta' parasol; re kbir".[7] Fl-2017, l-istazzjon mill-ġdid ingħata l-isem ta' "Stazzjon ta' Chhatrapati Shivaji Maharaj" (bil-kodiċi tal-istazzjon CSMT), fejn it-titlu ta' Maharaj għandu it-tifsira litterali "Re u imperatur kbir".[8] Jintużaw spiss kemm l-inizjali preċedenti "VT" (bl-Ingliż: Victoria Terminus) kif ukoll l-inizjali attwali "CST".[9]
L-istazzjon huwa l-kwartieri ġenerali tal-Kumpanija tal-Linja Ferrovjarja Ċentrali tal-Indja. L-istazzjon huwa wieħed mill-iżjed stazzjonijiet ferrovjarji traffikużi fl-Indja, u jservi bħala terminal kemm għall-ferroviji fuq distanzi twal kif ukoll għall-ferroviji suburbani.[10]