San Franġisk t'Assisi
From Wikipedia, the free encyclopedia
San Franġisk t'Assisi, imwieled Francesco Giovanni di Pietro Bernardone (Assisi, 26 ta' Settembru 1182 – Assisi, 3 t'Ottubru, 1226) reliġjuż u qaddis Taljan, li waqqaf l-Ordni Franġiskana jew "Il-Patrijiet Minuri". Kien iddikjarat Patrun tal-Italja flimkien ma' Santa Katerina ta' Siena, fl-1939 minn Papa Piju XII. Magħruf ukoll bħala il poverello d'Assisi jew il-fqajjar t'Assisi, il-qabar tiegħu jżuruh eluf kbar ta' pellegrini fis-sena. Il-belt ta' Assisi, saret ħabba fih simbolu ta' paċi, iktar u iktar wara l-laqgħat kbar bejn esponenti ewlenin tar-reliġjonijiet kbar tad-dinja mlaqqgħin mill-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1986 u fl-2002. F'dinja ta' mibegħda, vjolenza, u gwerer, ħafna jitfgħu ħarsithom fuqu, hu li dejjem xtaq li Alla jagħmel minnu strument tal-paċi tiegħu. Illum San Franġisk huwa wieħed mill-qaddisin l-aktar popolari u meqjuma fid-dinja. Fost il-qaddisin kollha tal-Knisja Kattolika, huwa l-aktar wieħed li jitqies li kien jixbah lil Ġesù, fost l-oħrajn għax saħansitra jingħad li kellu fil-ġisem tiegħu l-istess pjagi ta' Kristu msallab. Imma kien jixbhu fuq kollox għax ipprova jgħix il-Vanġelu ta' Kristu fir-radikalità tiegħu. Lil Alla kien jarah mhux fil-bnedmin imma fil-ħlejjaq kollha ta' madwaru.
San Franġisk t'Assisi | |
---|---|
Xbieha ta' San Franġisk t'Assisi f'affresk ta' Cimabue fil-basilika ta' Assisi; jgħidu li din hi ix-xbieha l-iżjed fidila tal-qaddis. | |
Twelid |
26 ta' Settembru 1182 Assisi |
Mewt |
3 ta' Ottubru, 1226 Assisi |
Kanonizzazzjoni | 16 ta' Lulju 1228, Assisi minn Papa Gregorju IX |
L-ikbar santwarju | Basilka ta' San Franġisk t'Assisi, f'Assisi |
Festa | 4 ta' Ottubru |
Attributi | Lupu, għasafar, stigmati |
Patrun/a | L-Italja, l-animali, il-kummerċjanti, ekoloġisti. |