Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fl-Italja
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Italja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] L-Italja rratifikat l-Konvenzjoni fit-23 ta' Ġunju 1978.[3]
B'kollox, l-Italja għandha total ta' 59 Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, u b'hekk hija l-pajjiż membru bl-ikbar ammont ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, eżatt qabel iċ-Ċina li għandha 57 sit.[4] L-ewwel sit fl-Italja, l-Inċiżjonijiet fuq il-Blat f'Valcamonica, tniżżel fit-tielet sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji, li saret fil-Kajr u f'Luxor, l-Eġittu, fl-1979.[5] Total ta' 25 Sit ta' Wirt Dinji fl-Italja żdiedu matul is-snin 90 tas-seklu 20, b'saħansitra 10 siti li żdiedu fil-21 sessjoni f'Napli fl-1997. L-Italja kienet membru tal-Kumitat tal-Wirt Dinji erba' darbiet, speċifikament fl-1978-1985 (tmien snin), fl-1987-1993 (seba' snin), fl-1993-1999 (seba' snin), u fl-1999-2001 (tliet snin).[6]
Mid-59 Sit ta' Wirt Dinji tal-Italja, 53 huma kulturali u sitta huma naturali. Seba' siti huma transnazzjonali, jiġifieri huma kondiviżi ma' pajjiżi oħra.[3]