Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Pakistan
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Pakistan / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Il-Pakistan irratifika l-Konvenzjoni fl-23 ta' Lulju 1976, u b'hekk is-siti indikattivi tiegħu setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
B'kollox il-Pakistan għandu sitt Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u kollha huma siti kulturali. L-ewwel tliet Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-Pakistan żdiedu fl-1980: Taxila, il-Fdalijiet Arkeoloġiċi ta' Moenjodaro, u l-Fdalijiet Buddisti ta' Takht-i-Bahi u ta' Sahr-i-Bahlol. L-iżjed sit li żdied reċentement mill-Pakistan huwa l-Forti ta' Rohtas, fl-1997.