Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Kroazja
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Kroazja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Il-Kroazja wirtet l-adeżjoni tal-Eks Jugoslavja għall-Konvenzjoni fis-6 ta' Lulju 1992 bħala wieħed mill-istati suċċessuri wara d-dikjarazzjoni tal-indipendenza tagħha fil-25 ta' Ġunji 1991.[3]
Attwalment il-Kroazja għandha għaxar Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-ewwel tliet siti, il-Kumpless Storiku ta' Split bil-Palazz ta' Djoklezjanu, Dubrovnik, u l-Park Nazzjonali tal-Lagi ta' Plitvice, tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-tielet Sessjoni tal-UNESCO fl-1979. Is-siti l-oħra żdiedu fl-1997, fis-sena 2000, fl-2008, fl-2016 u fl-2017. B'kollox, il-Kroazja għandha tmien siti kulturali u żewġ siti naturali. Tliet siti huma kondiviżi ma' pajjiżi oħra.[3]
Matul il-Gwerra tal-Indipendenza tal-Kroazja, wara x-xoljiment tal-Jugoslavja, f'Dubrovnik seħħew konfrontazzjonijiet militari (l-Assedju ta' Dubrovnik) kif ukoll fiż-żona tal-Lagi ta' Plitvice. Minħabba l-ħsarat estensivi tal-artillerija f'Dubrovnik u l-mini tal-art li tqiegħdu madwar Plitvice, iż-żewġ siti tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-Periklu. Wara r-restawr u t-tindif tagħhom, Plitvice u Dubrovnik tneħħew mil-lista fil-periklu fl-1997 u fl-1998, rispettivament.[4] Għalkemm is-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Kroazja jiġġeneraw għadd kbir ta' viżitaturi, qed ifeġġu theddidiet ġodda minħabba l-effetti ta' detriment tat-turiżmu tal-massa mhux ikkontrollat.[5][6]