Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Filippini
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Filippini / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Il-Filippini rratifikaw il-Konvenzjoni fid-19 ta' Settembru 1985, u b'hekk is-siti indikattivi tagħhom setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
B'kollox il-Filippini għandhom sitt Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, tlieta kulturali u tlieta naturali. L-ewwel żewġ Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-Filippini żdiedu fl-1993: il-Knejjes Barokki tal-Filippini u l-Park Naturali tal-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha. L-iżjed sit li żdied reċentement mill-Filippini huwa s-Santwarju tan-Natura Selvaġġa tal-Katina Muntanjuża ta' Hamiguitan, fl-2014.