Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fid-Danimarka
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fid-Danimarka / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Id-Danimarka rratifikat il-Konvenzjoni fil-25 ta' Lulju 1979, u b'hekk is-siti indikattivi tagħha setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
L-ewwel sit fid-Danimarka li tniżżel mal-lista kienu t-Tumbati tal-Ħamrija, il-Ħaġar Runiku u l-Knisja ta' Jelling, fit-18-il sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji, li sar fl-1994 f'Phuket, it-Tajlandja. Iktar siti żdiedu fl-1995, fis-sena 2000, fl-2004, fl-2009, fl-2014, fl-2017 u fl-2018. B'kollox, id-Danimarka għandha ħdax-il Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Tliet siti, Kujataa, Aasivissuit-Nipisat u l-Fjord tas-Silġ ta' Ilulissat jinsabu fi Greenland, li huwa territorju awtonomu fi ħdan ir-Renju tad-Danimarka.
Tmien siti fid-Danimarka huma siti kulturali u tlieta huma siti naturali. Is-sit naturali tal-Baħar ta' Wadden huwa kondiviż mal-Ġermanja u man-Netherlands. Fl-2014, il-parti Daniża tas-sit żdiedet mal-partijiet l-oħra, li kienu żdiedu fl-2009.