Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji f'Madagascar
lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Madagascar / From Wikipedia, the free encyclopedia
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Madagascar irratifika l-Konvenzjoni fid-19 ta' Lulju 1983, u b'hekk is-siti indikattivi tiegħu setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
B'kollox Madagascar għandu tliet Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-ewwel sit f'Madagascar, ir-Riżerva Naturali Stretta tat-Tsingy ta' Bemaraha, tniżżel bħala sit naturali fl-14-il sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji, li saret f'Banff, il-Kanada, fl-1990. Fl-2001 tniżżel is-sit tal-Għolja Rjali ta' Ambohimanga, villaġġ storiku u kumpless ta' palazzi irjali ta' importanza kulturali, b'palazzi ppreservati sew tas-seklu 19 u bosta karatteristiċi naturali u arkitettoniċi oħra ta' importanza storika, politika u spiritwali għall-poplu ta' Madagascar. L-iżjed sit reċenti ta' Madagascar li tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2007 huwa is-sit naturali tal-Foresti Tropikali tal-Atsinanana, li jinkludu raggruppament ta' sitt parks nazzjonali magħrufa għall-bijodiversità endemika ħafna.