Kosta Ġurassika
Sit ta' Wirt Dinji fl-Ingilterra / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Kosta Ġurassika (bl-Ingliż: Jurassic Coast), magħrufa wkoll bħala l-Kosta ta' Dorset u tal-Lvant ta' Devon, hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tul il-kosta tal-Fliegu Ingliż fin-Nofsinhar tal-Ingilterra.[1] Il-Kosta Ġurassika hija estiża għal distanza ta' madwar 154 kilometru minn Exmouth fil-Lvant ta' Devon sal-Bajja ta' Studland f'Dorset, u tniżżlet fil-lista ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'nofs Diċembru 2001.[2]
Is-sit jirrappreżenta 185 miljun sena ta' storja ġeoloġika, fejn l-erożjoni kostali esponiet sekwenza kważi kontinwa ta' formazzjonijiet tal-blat li jkopru t-Trijassiku, il-Ġurassiku u l-Kretaċju. Fi żminijiet differenti, din iż-żona kienet deżert, baħar tropikali baxx u marġ, filwaqt li l-fdalijiet fossilizzati tal-ħlejqiet varji li għexu hemmhekk ġew ippreservati fil-blat.
Fost il-karatteristiċi naturali viżibbli tul din il-kosta hemm ħnejjiet, pinnakli, u pilastri tal-blat ħerġin mill-baħar. F'xi postijiet, il-baħar kiel il-blat reżistenti u ħoloq qaliet b'daħliet ristretti, u f'post partikolari, magħruf bħala l-Gżejra ta' Portland (bl-Ingliż: Isle of Portland), il-gżejra hija kkollegata mal-art permezz ta' bajja tal-iskoll. F'xi nħawi tal-kosti, iċ-ċedimenti tal-art huma fenomenu komuni. Dawn esponew firxa wiesgħa ta' fossili, u kull tip differenti ta' blat iħaddan fih fawna u flora fossilizzata tipika. B'hekk jipprovdu evidenza ta' kif l-annimali u l-pjanti evolvew f'dan ir-reġjun.
Iż-żona madwar il-Qala ta' Lulworth (bl-Ingliż: Lulworth Cove) fiha foresta fossilizzata, filwaqt li f'Lyme Regis ġew identifikati saħansitra 71 saff differenti ta' blat, u kull saff iħaddan fih speċi partikolari ta' ammoniti. Il-kollezzjonista tal-fossili Mary Anning għexet hemmhekk u l-iskoperti maġġuri tagħha ta' rettili tal-baħar u fossili oħra saru fi żmien meta l-istudju tal-paleontoloġija kienet għadha qed tibda tiżviluppa. Iċ-Ċentru tal-Kosta tal-Wirt ta' Charmouth jipprovdi tagħrif dwar il-Kosta tal-Wirt (bl-Ingliż: Heritage Coast), u wieħed jista' jżur it-tul kollu tas-sit permezz tal-Mogħdija tal-Kosta tal-Lbiċ.