Katidral ta' Köln
katidral Kattoliku Ruman f'Köln, il-Ġermanja / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Katidral ta' Köln (bil-Ġermaniż: Kölner Dom, uffiċjalment Hohe Domkirche Sankt Petrus, bil-Malti: Katidral ta' San Pietru)[1] huwa katidral Kattoliku f'Köln, Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja. Huwa s-sede tal-Arċisqof ta' Köln u tal-amministrazzjoni tal-Arċidjoċesi ta' Köln. Huwa monument tal-Kattoliċiżmu Ġermaniż u tal-arkitettura Gotika u ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[2] Huwa l-iktar attrazzjoni turistika ikonika tal-Ġermanja li tattira turisti, b'medja ta' 20,000 ruħ kuljum.[3] Il-katidral huwa għoli 157 metru, u attwalment huwa t-tieni l-itwal knisja b'żewġ spiri fl-Ewropa wara dik ta' Ulm, u t-tielet l-itwal knisja fid-dinja.[4] Il-katidral huwa l-ikbar knisja Gotika fit-Tramuntana tal-Ewropa u għandu t-tieni l-itwal spiri. Permezz tat-torrijiet biż-żewġ spiri, il-katidral għandu l-ikbar faċċata ta' kwalunkwe knisja fid-dinja. Il-kor għandu l-ikbar proporzjon bħala għoli u wisa', 3.6:1, ta' kwalunkwe knisja Medjevali.[5]
Il-kostruzzjoni tal-Katidral ta' Köln bdiet fl-1248 iżda waqfet għall-ħabta tal-1560[6], u tħalliet kif kienet. Ix-xogħol tkompla biss fis-snin 40 tas-seklu 19, u l-binja tlestiet skont il-pjanta Medjevali oriġinali fl-1880.
Il-bennejja Medjevali ta' Köln kienu ppjanaw struttura kbira biex tospita r-relikwarju tat-Tliet Maġi u biex taqdi r-rwol tagħha bħala post ta' qima għall-Imperatur Ruman Sagru. Minkejja li tħalliet mhux kompluta matul il-perjodu Medjevali, il-Katidral ta' Köln eventwalment ġie unifikat bħala "kapulavur ta' valur intrinsiku eċċezzjonali" u "xhieda kbira tal-qawwa u tal-persistenza tat-twemmin Kristjan fl-Ewropa Medjevali u moderna". It-torri tat-telekomunikazzjonijiet biss huwa ogħla mill-katidral fil-belt ta' Köln.[1]
Il-Knisja Kattolika ta' San Ġużepp f'Washington D.C., l-Istati Uniti, ġiet immudellata fuq dan il-katidral.[7]